Qrendi Local Council

  English
  
  

Żewġ binjiet interessanti huma t-torri ottagonali u l-Palazz ta’ Guarena, liema postijiet inbnew fi żmien il-Kavallieri. It-torri ottagonali probabilment inbena minn familja partikolari sabiex iservi bħala difiża f’każ ta’ xi attakk mill-furbani. Il-Palazz ta’ Guarena min-naħa l-oħra jinstab fil-periferija tal-Qrendi u ġie mibni bħala residenza privata ta’ villeġġjatura għall-Kavallier Pietro Rovero di Guarena fl-1740. Maż-żmien il-palazz waqa’ f’idejn familja nobbli Maltija u sal-lum dan għadu jintuża’ bħala residenza privata. Il-Palazz ġie mibni fuq stil tat-tmintax –il seklu fejn id-difiża ma kinietx għadha fundamentali u fil-faċċata ma fihiex ħafna dekorazzjonijet żejda.



  

Fuq il-kosta viċin il-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra hemm żewġ monumenti interessanti. Wieħed huwa t-torri li nbena fis-seklu sbatax mill-Gran Mastru De Redin li kien parti minn sistema ta’ difiża mifruxa ma’ Malta kollha li kellha tagħti twissija għal meta jfiġġ l-għadu. Il-monument l-ieħor huwa dak ta’ Congreve illi kien Gvernatur Ingliż, illi ħalla struzzjonijiet lil ta’ warajh sabiex jindifen fil-baħar bejn il-kosta Maltija u Filfla.



  

Torri ieħor li jinstab fil-viċinanzi u li illum jintuża bħala Għassa tal-Pulizija f’Wied iż-Żurrieq inbena mill-Gran Mastru Lascaris u hu magħruf bħala Ta’ Sciutu. Meta wieħed jidħol f’dan it-torri jinduna li dan it-torri qatt ma nbena għal xi mezz ta’ difiża – fil-fatt fit-torri kienu joqogħdu biss xi erba’ persuni li kienu jaraw li ma jsirx tbaħħir illegali jew suspettuż. Persuna minnhom kien armat b’żiemel ħalli f’każ li jinqala’ xi ħaġa kien imur għand l-awtoritajiet mill-ewwel sabiex iwasslilhom il-messaġġ.



Itla 'l fuq

 Palazz Guarena | Palazz Guttenberg 
© Drittijiet - 2002
Disclaimer (Malti)
Segretezza Personali
Għajnuna
Mistoqsijiet
DOI
GOV.MT
Created by Liquid Studios Ltd.