 Ir-raħal tal-Qrendi twaqqaf bħala Parroċċa fl-1618 mill-Isqof Baldassare Cagliares. Qabel dan iż-żmien il-Qrendi kien jagħmel parti mill-Parroċċa taż-Żurrieq u n-nies tal-Qrendi kienu jinqdew mill-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena – ta’ Ħal Lew – li kienet Viċi Parroċċa, jew mill-knisja taż-Żurrieq.
L-ewwel kappillan tal-Parroċċa tal-Qrendi kien Dun Salvatore Burlo li kien in-neputi ta’ l-arċipriet taż-Żurrieq minn fejn ħarġet il-Parroċċa tal-Qrendi. Dun Salv dam kappillan sentejn għaliex miet fl-1620.
Warajh laħaq Dun Giomaria Camilleri li dam kappillan sal-1668. Huwa kien bena knisja ġdida fuq l-ogħla parti tar-raħal minflok tnejn żgħar. Din il-knisja tlestiet fl-1655. Meta Dun Domenico Formosa laħaq kappillan fl-1677, huwa ddeċieda li jwaqqa l-Knisja u fl-1685 inbeda l-bini tal-Knisja l-ġdida. Din tlestiet fl-1712.
Id-disinn u arkitettura tal-knisja parrokkjali hija ta’ Lorenzo Gafa’ li huwa wkoll l-arkitett tal-Katidral ta’ l-Imdina.
Il-Knisja għandha għamla ta’ salib. Fiha kor, żewġ kappelluni, kursija u żewġ kampnari fuq barra. Għalkemm ix-xogħol tal-bini tal-knisja tlesta fl-1712, din ġiet kkonsagrata 70 sena wara – fit-13 ta’ Ottubru 1782 mill-Isqof Labini.
Tnejn mill-qniepen tal-kampnari kienu diġa hemm meta tlesta l-bini fl-1712. It-tnejn l-oħra saru fi żmien il-kappillan Dun Antonio Mizzi, waħda fl-1788 u l-oħra 10 snin wara fl-1798.
Sal-bidu tas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor il-Knisja Parrokkjali kienet tintuża wkoll bħala ċimiterju tal-Parroċċa. Għalhekk l-art tal-knisja kienet imqassma f’oqbra miksijin bil-kaptelli tal-ġebla tal-franka sa ma tlesta ċimiterju fil-periferija tar-raħal fl-1955 u sar il-pavimentar ta’ rħam. Id-disinn tal-pavimentar huwa ta’ Emanuel Buhagiar li huwa ukoll id-disinjatur ta' l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra.
Il-pittura ta’ l-artal tat-Titular ta’ l-Assunzjoni tal-Madonna huwa xogħol tal-pittur magħruf Malti Giuseppi Cali’. Din il-pittura saret minflok oħra tal-pittur Malti ieħor Rokku Buhagiar, li llum qiegħda fis-sagristija.
Il-Knisja Parrokkjali hija wkoll mgħamra b’numru ta’ pitturi oħra bħal dik ta’ l-altar tal-Madonna taċ-Ċintura li hija xogħol ta’ Ramiro Cali’. Il-pittura ta’ San Stiefnu ta’ Stefano Erardi li huwa lesta fl-1677. Din il-pittura turi lill-Arkanġli San Mikiel u San Gabriel, San Stiefnu, Sant’ Anna u Santa Rosa ta Lima. Il-pittura dedikata lil San Pawl hija xogħol ta’ Francesco Zahra. Il-pittura kollha tal-koppla, tal-kappellun, il-kursija u l-kumplament tas-saqaf tal-knisja huwa xogħol tal-artist Għawdxi, Pawlu Camilleri Cauchi. Fuq il-bieb prinċipali kif tidħol fill-knisja insibu pittura majestuża oħra li turi d-dħul fil-Port il-Kbir tal-Konvoj ta’ Santa Marija ta’ l-1942. Din hija wkoll xogħol l-artist Pawlu Camilleri Cauchi.
L-istatwa tat-Titular l-Assunzjoni ta’ Santa Marija li hija ta’ l-injam tlestiet fl-1840 u hija xogħol ta’ l-iskultur Antonio Chircop. Statwa oħra li nsibu fil-knisja hija dik tal-Madonna ta’ Lourdes li saret minn Karlu Darmanin fl-1878.
Web Site: www.parroccaqrendi.org
|